“Titkellmux f’ismi” – Jum il-mara jikxef il-firda soċjali fi Spanja

REUTERS/Susana Vera

Madwar id-dinja kollha, matul il-jum tal-lum, Jum il-Mara, se jkunu qed isiru avvenimenti bl-isem ta’ ‘Dinja bilanċjata hija dinja aħjar’. Madanakollu fi Spanja jidher li d-dibattitu qed iqajjem firda aktar minn qatt qabel.

Filwaqt li fl-istess jum, is-sena li għaddiet, mijiet ta’ eluf ingħaqdu fl-ewwel strajk nazzjonali għan-nisa fi protesta minħabba l-inugwaljanza bejn is-sessi, din id-darba l-attitudni hija kemmxejn differenti. Dan wara li beda l-partit lemin estrem Vox li wassal sabiex is-suġġett tad-drittijiet tan-nisa jsir suġġett ċentrali għall-kampanja tal-elezzjonijiet li mistennija jsiru fit-28 ta’ April. Vox qed jopponi liġi li kienet għaddiet Spanja dwar il-vjolenza fuq il-ġeneru lura fl-2004.

F’filmat ippubblikat fuq il-midja soċjali, uħud min-nisa li qed jappoġġjaw lill-partit ikkumparaw il-femminiżmu ma’ burka ideoloġika. Intant grupp ieħor konservattiv dar Spanja b’xarabank  bl-islogan li jgħid ‘waqqfu lill-feminazis’. Dawn il-gruppi qed jgħidu li l-liġi li għaddiet fl-2004, li tipproteġi lin-nisa mill-vjolenza mis-sieħeb jew eks-sieħeb tagħhom tiddiskrimina kontra l-irġiel. Dawn iridu li din il-liġi tinbidel sabiex tkopri kull forma ta’ vjolenza domestika.