Titkellem tfajla li rat lil Simon Schembri jitkaxkar

Fil-Qorti llum kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ tal-Pulizija Simon Schembri fejn tfajla li rat l-inċident b’għajnejha qalet li filli rat lil Schembri jitkellem maż-żagħżugħ u filli ma ratux aktar.

Il-kuntistabbli tkaxkar bil-karozza minn żagħżugħ ta’ 17-il sena għal madwar 400 metru, inċident li minħabba fih wasal sabiex għamel żmien jissielet għal ħajtu, bir-riżultat li tilef idu.

Permezz ta’ filmat, fil-Qorti nstemat il-verżjoni tat-tfajla li spjegat li Schembri waqaf bil-mutur u talab lill-akkużat sabiex jieqaf bil-karozza. Hu tkellem miegħu u talbu l-karta tal-identità, l-akkużat irrifjuta li jtihielu.

Spjegat li l-kuntistabbli mar lura lejn il-mutur fejn deher jitkellem ma’ xi ħadd permezz tar-radju. Hu mar lura lejn il-karozza u kien hawn li l-akkużat qabad isuq. Schembri għolla jdejh sabiex iwaqqaf lill-akkużat milli jkompli jsuq, iżda sostniet li kien hawn li l-akkużat żied il-veloċità tal-karozza.

It-tfajla qalet li f’dak il-mument Schembri ma deherx aktar u li rat xi ħaġa ttir. Aktar tard indunat li kienet l-ingwanta tiegħu.

Hi spjegat li dak il-ħin ċemplet lill-112 sabiex titlob għall-għajnuna.

Fil-kumpilazzjoni tal-lum, l-espert tal-Qorti Keith Cutajar talab lill-akkużat sabiex jagħtih il-password tal-mowbajl tiegħu. Minkejja li d-difiża argumentant kontra dan, il-Maġistrat Joe Mifsud approva t-talba sabiex l-espert ikun jista’ jkompli bil-ħidma tiegħu.