Titkeċċa minn supermarket bil-kelb gwida “għax mhux suppost jiddaħħlu annimali”

Mara nieqsa mid-dawl baqgħet bla kliem hekk kif kaxxiera ta’ supermarket f’Londra bdiet tgħajjat magħha sabiex toħroġ ‘il barra mill-istabbiliment flimkien mal-kelb-gwida tagħha.
Il-każ seħħ fit-tramuntana ta’ Londra fejn Maya Makri, mara għamja ta’ 39 sena, daħlet f’supermarket tat-Tesco.
Qalet li tliet kaxxiera bdew jgħajjtu magħha u jsostnu li pets ma jistgħux jiddaħħlu fis-supermarket. Qalulha wkoll biex ma terġax tersaq lejn il-ħanut.
Uffiċjali għolja a’ Tesco ammettew li dan l-inċident qatt ma kellu jseħħ, u kellhom jagħmlu kuntatt dirett mal-mara sabiex jitolbuha skuża għal dak li ġara.
Il-mara nieqsa mid-dawl sostniet li n-nies l-oħra li dak il-ħin kienu fis-supermarket, baqgħu jargumentaw mal-kaxxiera li hija għandha titħalla bil-kelb, iżda dawn baqgħu jinsistu li l-ebda kelb ma jista’ jidħol fl-istabbiliment.
F’Malta wkoll id-Direttur tal-Malta Guide Dogs Foundation Leone Sciberras kien qal ma’ Newsbook.com.mt li ħafna persuni fosthom xufiera tat-trasport pubbliku, m’humiex konxji li persuni nieqsa mid-dawl għandhom dritt jidħlu f’postijiet pubbliċi bil-kelb gwida.