Filmat: Titjiriet tal-Air Malta fuq is-sit tar-Ryanair; jibdew minn €14.99

Il-linji tal-ajru Air Malta u Ryanair ingħaqdu f’inizjattiva ġdida li tippermetti li wieħed ikun jista’ jibbukkja t-titjiriet tiegħu mal-Air Malta minn fuq is-sit tar-Ryanair, liema sit jilqa’ mal-50 miljun persuna fix-xahar.

Din l-inizjattiva tħabbret dalgħodu f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Air Malta u r-Ryanair, u li għaliha attenda wkoll il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi.

Tħabbar ukoll li mil-lum se titnieda 21 rotta ġdida mill-Air Malta fuq is-sit tar-Ryanair, mat-53 titjira li diġà għandha r-Ryanair lejn u minn Malta, bi wħud minnhom jiswew €14.99, u fost id-destinazzjonijiet ġodda hemm bliet fl-Awstrija, fir-Repubblika Ċeka, fl-Iżrael, fil-Marokk, fir-Russja, fl-Iżvizzera, fit-Tuneżija u fl-Ukrajna.

Paul Sies mill-Air Malta spjega li l-idea ilha li twieldet sena u se tgħin biex iżżid l-għadd ta’ nies li jtiru maż-żewġ linji tal-ajru. Issemmew pereżempju Hamburg, Leipzig u Berlin li għandhom jiżdiedu mar-rotot tal-Air Malta, għalhekk b’kollox l-Air Malta se topera minn 6 ajruporti fil-Ġermanja.

Kien hemm investimenti kbar fid-dipartiment tal-IT sabiex titnieda din l-inizjattiva, u anke biex jitnieda sit ġdid tal-Air Malta ‘l quddiem.

Iċ-Chairman tal-Air Malta Charles Mangion fetaħ il-konferenza billi introduċa dan il-proġett ġdid komuni bejn iż-żewġ linji tal-ajru. Is-sena l-oħra, fakkar Mangion, l-Air Malta introduċiet 21 rotta u żiedet il-frekwenzi tagħha, bir-riżultat ta’ 40% żieda fil-klijenti tagħha. Permezz ta’ dan il-proġett, l-Air Malta għandu jkollha aktar viżibbiltà onlajn.

Il-Ministru Konrad Mizzi qal li l-pass li jmiss hu li jinħolqu connect flights bejn ir-Ryanair u l-Air Malta, bil-mira tkun fl-Afrika, lil hinn mit-Tramuntana tal-Afrika li diġà qed jiġu investiti l-flus fiha.

Dwar id-dewmien f’numru ta’ titjiriet tal-Air Malta, iċ-Chairman qal li qed jippruvaw jindirizzaw il-problema tad-dewmien, li ħafna drabi ma setgħux jikkontrollawha minħabba t-traffiku fl-arja u raġunijiet oħra li ma kellhomx kontroll fuqhom. Iċ-Chairman skuża ruħu mal-passiġġiera tal-Air Malta li esperjenzaw dewmien fit-titjiriet tagħhom.

L-Air Malta se tkun qed tħabbar ir-riżultati finanzjarji tagħha fix-xhur li ġejjin.