Titjiriet minn Sharm el-Sheikh mhux itellgħu bagalji fuq l-ajruplan

Turisti li qed jippruvaw iħallu r-resort turistika ta’ Sharm el-Sheikh, intqalilhom li jistgħu jsiefru lura lejn pajjiżhom jekk jieħdu magħhom biss il-hand luggage.
Ma jistgħux jibgħatu l-bagalja l-kbira kif kien isir s’issa.
Dan qed japplika mhux biss għat-titjiriet lura lejn l-Ingilterra, wara li l-Prim Ministru Ingliż ta l-permess biex dawn jerġgħu jibdew isiru, imma anke l-linja tal-ajru KLM avżat l-istess lill-passiġġieri tagħha.
Kollox qed jindika li l-ajruplan li twaqqa’ kważi ġimgħa ilu fuq is-Sinaj, u li ħalla 224 vittma, kellu bomba abbord li splodiet ftit wara li l-ajruplan ħalla Sharm el-Sheikh.
Skont il-BBC, l-investigaturi Ingliżi, wara li semgħu interċettazzjonijiet bejn militanti li jaħdmu fl-inħawi tas-Sinaj, huma tal-fehma li xi ħadd b’aċċess għal fejn jitqiegħdu l-bagalji fl-ajruplan, poġġa l-bomba ftit qabel ma l-ajruplan beda l-vjaġġ tiegħu.
Minn nhar l-Erbgħa, minn meta l-Ingilterra waqqfet it-titjiriet, anke Franza u l-Belġju għamlu l-istess u l-Olanda qed tħeġġeġ lill-passiġġieri jevitaw l-ajruport prinċipali tad-destinazzjoni turistika.
Anke sussidjarji tal-Lufthansa waqqfu t-titjiriet u qed isibu alternattivi għall-passiġġieri li weħlu hemm.