Titjiriet għal 17-il ajruport f’9 pajjiżi mill-1 ta’ Lulju

Miguela Xuereb

Read in English.

Sitt linji tal-ajru se jkunu qed joffri titjiriet diretti minn u lejn 17-il ajruport f’disa’ pajjiżi u reġjuni, inkluż Sqallija, il-Ġermanja, l-Iżvizzera u l-Lussemburgu. Fi stqarrija mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kien spjegat li dawn it-titjiriet huma għall-perjodu ta’ bejn Lulju u Ottubru.

Kien spjegat li t-tim tal-iżvilupp tat-traffiku fi ħdan l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, flimkien mal-awtorità lokali għat-turiżmu qed jaħdmu mill-qrib mal-linji tal-ajru sħab tal-ajruport sabiex jerġgħu jibdew jibnu l-konnettività ta’ Malta.

L-iskeda tas-sajf tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, li qed tiġi aġġornata regolarment sabiex tirrifletti l-aktar żviluppi reċenti, hija disponibbli hawnhekk. Intant irrakkomanda li persuni li biħsiebhom isiefru jivverfikaw xi protokolli tas-saħħa u sigurtà qed jiġu implimentati fid-destinazzjoni preferuta tagħhom qabel ma jibbukkjaw titjira.

3,081 passiġġier waslu f’titjiriet umanitarji u ta’ ripatrijazzjoni

Fl-istqarrija kien spjegat li x-xahar ta’ Mejju kien wieħed kwiet għall-ajruport minħabba r-restrizzjonijiet fuq l-ivjaġġar bl-ajru li kienu introdotti f’Marzu kawża tal-pandemija tal-coronavirus. Ix-xahar li għadda għaddew mill-ajruport 3,081 passiġġier. Dan ifisser tnaqqis ta’ aktar minn 670,000 passiġġier meta mqabbel ma’ Mejju tal-2019.

Il-movimenti tal-ajruplani tul ix-xahar ta’ Mejju ammontaw biss għal 283 tluq u nżul. 43% tat-titjiriet kienu umanitarji u ta’ ripatrijazzjoni li wasslu passiġġieri minn u lejn aktar minn 10 pajjiżi. Il-bqija tat-titjiriet kienu ta’ ġarr tal-merkanzija li rreġistraw żieda ta’ 11% fuq l-istess xahar is-sena li għaddiet.