​Titjiriet diretti lejn l-Ukrajna mis-sajf li ġej

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet li mis-sajf li ġej, l-Air Malta se tkun qed topera titjiriet diretti lejn l-Ukrajna.
Coleiro Preca kienet qed titkellem waqt iż-żjara statali tagħha fl-Ukrajna fejn qalet ukoll li dawn it-titjiriet se joħolqu ambjent li jwassal lejn aktar kummerċ bejn il-pajjiżi. Qalet li se jgħinu wkoll biex jitjiebu l-benefiċċji li ġew akkwistati mill-ftehim dwar il-visas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna kif ukoll dawk marbutin mal-Double Taxation Agreement ta’ bejn Malta u l-Ukrajna.
Il-President tal-Ukrajna Petro Poroshenko qal li kull laqgħa li kellu ma’ Coleiro Preca ġabet magħha riżultati tanġibbli.
Fi stqarrija, il-President qalet li waqt il-laqgħat bilaterali tqajmet diskussjoni wkoll dwar il-possibbilità ta’ kollaborazzjoni fis-setturi tas-servizzi finanzjarji, logħob diġitali, l-edukazzjoni u t-taħriġ f’diversi setturi.
Ritratt: OPR, DOI – Clifton Fenech