Titjiriet bejn Malta u l-Italja mħassra minħabba strajk

Strajk nazzjonali ta’ 24 siegħa tat-trasport tal-ajru fl-Italja wassal sabiex għexieren ta’ titjiriet minn diversi postijiet fl-Italja għal diversi destinazzjonijiet madwar id-dinja jiġu mħassra, inkluż għal Malta.

Is-sit ta’ Alitalia kkonferma li xi unions Taljani talbu sabiex illum il-ħaddiema tat-trasport tal-ajru joħorġu fuq strajk. Il-linja tal-ajru Taljana qalet li minħabba f’hekk, ġiet sfurzata tikkanċella madwar nofs it-titjiriet li kellha skedati għal-lum kif ukoll xi wħud li kienu skedati lbieraħ filgħaxija u kmieni għada filgħodu. Il-linja tal-ajru qalet li t-titjiriet li ma ġewx affetwati kienu dawk skedati bejn is-7am u l-10am u s-6pm u d-9pm.

Skont il-lista ta’ titjiriet kanċellati tal-Airitalia jidher li hemm żewġ titjiriet waħda lejn u oħra minn Malta li ġew imħassra. Hemm titjira minn Malta għal Ruma (l-ajruport ta’ Fiumicino), AZ885, li kellha titlaq f’11.40pm u oħra minn Ruma (l-ajruport ta’ Fiumicino) għal Malta, AZ886, li kellha titlaq fil-4.45pm. Kelliema għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta (MIA) kkonfermat l-ikkanċellar ta’ dawn it-titjiriet ma’ Newsbook.com.mt.

Intant, il-kelliema għall-MIA qalet ukoll li kien hemm titjiera oħra li ġiet imħassra lejn Malta, din id-darba tal-kumpanija tal-ajru Ryanair li kellha titlaq minn Bologna fis-1.35pm u tasal Malta fit-3.35pm.

Kif tista’ tieħu flusek lura?

Alitalia spjegat li ħadet miżuri speċjali sabiex tnaqqas l-inkonvenjenza billi qed tħaddem ajruplani ikbar għal rotot domestiċi u anke internazzjonali, sabiex kemm jista’ jkun taqdi lill-klijenti fl-istess ġurnata. Dawn kollha li ġew affettwati jistgħu jerġgħu jaqtgħu biljetti mingħajr ħlas, jew inkellha jistgħu jitolbu għal refużjoni, jekk it-titjira ġiet kanċellata jew ittardjata għal aktar minn ħames sigħat sat-28 ta’ Mejju.

Intant, il-klijenti tar-Ryanir irċevew email jgħid li t-titjira tal-lum ġiet ikkanċellata. Filwaqt li ġie spjegat li din l-inkonvenjenza hija ‘l barra mill-kontroll tal-kumpanija, qalet li l-klijenti jistgħu jew japplikaw sabiex jieħdu flushom lura, jew inkella jistgħu jiġu trasferiti għall-iktar titjira viċin fil-ħin lejn l-istess destinazzjoni.