Titjiriet bejn Malta u l-Indja dalwaqt?

Ritratt: Clodagh Farrugia O'Neill

Diskussjonijiet dwar kooperazzjoni bejn Malta u l-Indja fil-qasam tal-avjazzjoni jaf iwasslu għall-introduzzjoni ta’ titjiriet bejn iż-żewġ pajjiżi. 

Fi stqarrija mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru ġie spjegat kif bħalissa, Joseph Muscat jinsab fl-Indja fejn kellu laqgħa bilaterali mal-Prim Ministru tal-Indja Narendra Modi fejn fost l-oħrajn iddiskutew il-qasam tal-avjazzjoni. 

Skont l-istqarrija jidher li saru diskussjonijiet dwar il-possibilità ta’ koperazzjoni mal-linja nazzjonali tal-ajru Maltija Air Malta. Fost l-ideat ewlenin hemm li Malta ssir post fejn iċ-ċittadini Indjani jkunu jistgħu jilħqu pajjiżi oħrajn Ewropej u tal-Afrika ta’ Fuq minn ibliet fi stati differenti fl-Indja fejn hemm nuqqas ta’ konnettività.

Fost id-diskussjonijiet ġie msemmi wkoll il-qasam tal-farmaċewtika u l-vantaġġi li toffri Malta f’dan il-qasam. Ġiet diskussa wkoll ir-reputazzjoni tajba tal-Awtorità Maltija tal-Mediċini li twettaq spezzjonijiet fl-Indja speċjalment f’Gujarat, fejn hemm ħafna kumpaniji tal-farmaċewtika, sabiex tkun tista’ tingħata l-marka ta’ kwalità li tfisser li l-prodotti jkunu jistgħu jiġu esportati.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat fl-Indja

Ritratt: Clodagh Farrugia O’Neill

Bħalissa l-Prim Ministru qed jattendi s-summit Vibrant Gujarat 2019 f’Ahmedabad, Gurjarat, fl-Indja. Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru Joseph Muscat waqt din il-laqgħa kien hemm il-Ministru għall-Investiment Chris Cardona, id-Deputat Parlamentari Robert Abela, il-Kummissarju Għoli Malti fl-Indja Stephen Borg u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat iltaqa’ wkoll maċ-Chief Minister tal-Istat ta’ Gujarat, Vijay Rupani. Matul il-laqgħa huma tkellmu dwar possibilitajiet ta’ koperazzjoni bejn Malta u dan l-istat fl-Indja, fosthom fis-setturi tal-farmaċewtika, tal-avjazzjoni u tal-qasam marittimu.

“Kumpaniji Indjani bbażati f’Londra qed jaraw lil Malta bħala bażi Ewropea”

Ritratt: Clodagh Farrugia O’Neill

Waqt l-indirizz tiegħu fil-Vibrant Gurajant Summit 2019, il-Prim Ministru Joseph Muscat sostna li “huma diversi dawk il-kumpaniji Indjani li għal raġunijiet storiċi huma bbażati f’Londra, li qed jaraw f’Malta bażi Ewropea minn fejn joperaw anke minħabba numru ta’ valuri identiċi u bażi tal-Commonwealth li jħaddnu Malta u l-Indja.”

Fost l-ispunti li qajjem, Muscat tkellem dwar il-ħidma ta’ Malta fis-settur tal-blockchain u qal li Malta kienet l-ewwel pajjiż fid-dinja li lleġiżlat favur din it-teknoloġija. Il-Prim Ministru Muscat semma wkoll fid-diskors tiegħu d-diversifikazzjoni tal-ekonomija ta’ Malta f’oqsma oħrajn bħas-settur marittimu u dak tal-avjazzjoni.

Muscat għamel referenza wkoll għal kumpaniji Indjani li joperaw minn Malta bħal Aurobindo fil-qasam tal-farmaċewtika u Steamcast li flimkien mal-Enemalta sar investiment fi Global Data Centre fis-sit fejn kien hemm il-power station tal-Marsa.