Titjiriet bejn Malta u Comiso: Għaliex għandek tmur?

Għal min iħossu skomdu jivvjaġġa lejn Sqallija fuq il-baħar, issa wieħed m’għandux iktar skużi.  It-titjiriet ġodda tal-Air Malta lejn Sqallija issa jinkludu wkoll titjiriet diretti lejn Comiso, ajruport zgħir, viċin Pozzallo.
Dawn it-titjiriet isiru kull nhar ta’ Ġimgħa u lura l-Ħadd u huma ideali għall-weekend breaks fiż-żona magħrufa bħala Iblei, fejn wieħed jista’ jżur bliet bħal Scicli, Pozzallo, Donna Lucata, Ragusa, Modica u Sirakuża.
It-titjira ma ddumx iktar minn 25 minuta u l-prezzijiet jibdew minn €39. Dawn it-titjiriet reklamati mhux biss f’Malta imma fi Sqallija wkoll.

L-eqreb belt ta’ Comiso hija Scicli. Scicli akkwistat it-titlu ta’ UNESCO World Heritage Site fl-2002 għax tiftaħar bl-arkitettura Barokka tas-Seklu 18.
Scicli bħal Malta sofriet minn terremot qawwi fl-1693 u bħalma l-belt l-antika tal-Imdina tfarrket u reġgħet inbniet, din id-darba fi stil Barokk, hekk seħħ ukoll ġewwa Scicli.
Scicli huwa magħruf ukoll għan-numru ta’ djar, għerien jew case rupestre. Id-djar huma mħaffrin fil-blat jew għerien naturali. Iżda l-faċċati tad-djar huma mibnijin bil-ġebel u allura wieħed ma jindunax mal-ewwel li wara l-faċċata hemm dar imħaffra fil-blat. Din hi tradizzjoni popolari fil-Mediterran u tmur lura bosta sekli.
M’hemmx xi ngħidu fuq il-ħelu u l-ikel Sqalli li huma abbundanti f’Scicli! It-turiżmu f’dawn in-naħat qiegħed ikompli jikber, u bħala konsegwenza, anke l-B&B u l-Boutique Hotels f’Scicli.
Mela għall-vjaġġ li jmiss lejn Sqallija bil-vapur jew bl-ajru, tinsiex iżżur Scicli.