Titjiriet tal-Air Malta bejn Malta u r-Renju Unit se jkomplu b’restrizzjonijiet

Miguela Xuereb

Read in English.

It-titjiriet tal-Air Malta bejn Malta u r-Renju Unit se jkomplu jsiru minkejja li l-awtoritajiet ħabbru li t-titjiriet bejn iż-żewġ pajjiżi se jkunu mwaqqfa minn nhar it-Tlieta, għalkemm dan se jsir b’numru ta’ restrizzjonijiet.

Aktar kmieni llum, il-Ministeru għas-Saħħa l-ewwel ħabbar obbligu ta’ kwarantina mandatorja għal titjiriet mir-Renju Unit hekk kif instab varjant ġdid tal-Covid-19 f’pazjenti f’dan il-pajjiż. Aktar tard, il-ministeru ħabbar li t-titjiriet se jkunu mwaqqfa, anke jekk qal li minkejja dan, Maltin u persuni residenti f’Malta se jingħataw l-opportunità li jirritornaw lura Malta.

Fi stqarrija, il-linja tal-ajru nazzjonali speċifikat Maltin u residenti Maltin jistgħu jiġu Malta mingħajr ġustifikazzjoni, filwaqt li oħrajn li għandhom bżonn jiġu Malti għal raġuni essenzjali għandhom bżonn jibgħatu email lil covid19.vetting@gov.mt biex jirċievu l-awtorizzazzjoni meħtieġa mill-awtoritajiet tas-saħħa.

Kull min irid jiġi Malta għandu bżonn jippreżenta PCR test negattiv meħud mhux aktar minn 72 siegħa qabel ma jasal Malta, u għandu jkun soġġett għal test ieħor mal-wasla tagħhom u għal kwarantina obbligatorja ta’ 14-il jum.

Hu wkoll permess safar lejn ir-Renju Unit, għalkemm min jidħol fil-pajjiż għandu jagħmel kwarantina ta’ 10 jum. Dan il-perjodu ta’ kwarantina jista’ jitnaqqas jekk test li jittieħed skont it-test-to-release scheme wara 5 ijiem ikun negattiv.

Aktar informazzjoni tista’ tingħata mill-call centre tal-Air Malta fuq +356 2166 2211.