Titjira tal-Air Malta posposta minħabba problemi fl-operat

L-Air Malta ħabbret li l-vjaġġ minn Malta għal Gatwick f’Londra se jkun qed jiġi pospost wara problemi fl-operat.
L-ajruplan kellu jitlaq minn Malta fit-8:40am iżda baqa’ ma bediex ir-rotta tiegħu. Skont it-Times of Malta, il-vjaġġ kellu jitmexxa għal-10:10pm.
Minħabba din ir-raġuni, l-Air Malta qalet li se tkun qed tagħmel minn kollox sabiex l-inkonvenjenzi jkunu ftit u semmiet li dawk kollha li spiċċaw jistennew għal dan it-tul kollu ta’ ħin se jsibulhom akkomodazzjonijiet f’lukandi fil-viċin, kif ukoll se jingħataw l-ikel u x-xorb neċessarju sakemm ikunu qed jistennew.
Il-vjaġġ kien se jsir minn ajruplan mikri, li fi stqarrija l-Air Malta nsistiet li kien pass neċessarju sakemm jaslu ż-żewġ ajruplani ġoddu u biex ilaħħqu maż-żieda fl-iskeda tal-vjaġġi tal-Air Malta.
Fl-istess stqarrija, l-Air Malta ma eskludietx li jaf jiġu affetwati wkoll vjaġġi oħra.
“Deċiżjoni ta’ malajr u mingħajr kordinazzjoni” – PN
Il-Partit Nazzjonalista (PN) saħaq li d-deċiżjoni li l-Air Malta tikri ajruplan mill-Litwanja miżbuħ bl-abjad kienet waħda li saret malajr u mingħajr kordinazzjoni fil-loġistika mal-kumpanija barranija.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar it-Turiżmu, Robert Arrigo, insista li filwat li l-PN jaqbel li l-linja nazzjonali tal-ajru għandha tikber, jemmen ukoll li hemm bżonn li l-ippjanar isir aktar bir-reqqa sabiex ma jitħalliex impatt negattiv fuq ir-reputazzjoni tal-Air Malta.