Aġġornata: Titlaq it-titjira tal-Air Malta li ttardjat b’17-il siegħa

Arkivji

Il-passiġġiera li lbieraħ kellhom jaslu Malta b’titjira tal-Air Malta mill-ajruport ta’ Franfurt fil-Ġermanja se jaslu Malta għall-ħabta tal-4:30 pm.

Dawn il-passieġġiera tħallew ħafna sigħat jistennew hekk kif it-titjira tagħhom ttardjat b’aktar minn 17-il siegħa.

Aktar kmieni

Passiġġiera li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li jinsabu urtati bl-atteġjament tal-linja tal-ajru hekk kif l-uffiċċjali tal-Air Malta ma għamlux kuntatt magħhom biex javżawhom bil-ħin il-ġdid.

Id-dewmien ta’ sagħtejn u nofs fuq it-titjira minn Malta lejn Frankfurt (KM328) u kumplikazzjoni fl-istess ajruport wasslu biex it-titjira minn Frankfurt għal Malta (KM329) ġiet skedata għas-1pm ta’ waranofsinhar. Din kellha titlaq fit-8pm tal-bieraħ filgħaxija.

Il-passiġġiera li tkellmet ma’ Newsbook.com.mt qalet li huma kienu ilhom fl-ajruport mill-5pm peress li l-Air Malta titlob lill-passiġġieri biex ikunu fl-ajruport tliet sigħat qabel it-titjira. Spjegat li wara li telgħu fuq l-ajruplan żviluppat kumplikazzjoni minħabba li l-ħaddiema tal-ajruport fi Frankfurt ma setgħux jivverifikaw li l-bagalji tal-passiġġieri kienu jaqblu mal-ammont ta’ passiġġieri fuq it-titjira. Sakemm ġie vverifikat kollox, l-ajruport laħaq għalaq u t-titjira ma setgħetx titlaq. Il-passiġġieri ġew trasferiti f’akkomodazzjoni viċin l-ajruport.

Dwar dan il-każ Newsbook.com.mt prova jieħu kumment mill-uffiċjali tal-Air Malta minħabba li matul il-ġurnata huwa ppjanat li jkun hemm aktar dewmien fuq titjiriet oħra. Il-kelliem tal-Air Malta ma kienx disponibbli.

Ilbieraħ, aktar minn ħames titjiriet telqu tard minħabba li t-titjira lejn Munich ittardjat erba’ sigħat.

Il-kontrolluri tal-ajru tal-Air Malta qed jaħsbu għal strajk

Rapporti li dehru fuq il-gazzetta Times of Malta qalu li l-kontrolluri tal-ajru li jaħdmu għall-Air Malta qed jaħsbu biex jagħmlu azzjoni industrijali wara li l-Qorti ċaħdet mandat ta’ inibizzjoni mill-Air Malta.

Ir-rapporti qalu li l-uffiċjali tal-Association of Airline Operations Controllers (AAOC) mistennija jiltaqgħu biex jaraw x’passi se jieħdu wara din id-deċiżjoni tal-Qorti.