Titjira minn Krakovja għal Dublin kellha titniżżel qabel ma waslet fid-destinazzjoni tagħha wara li nstabet nota fit-toilet li kienet tgħid li hemm splussiv abbord l-ajruplan.
Skont il-BBC, it-titjira ta’ Ryanair ilbieraħ niżlet fl-ajruport ta’ Stansted biex il-Pulizija ta’ Essex tkun tista’ tagħmel tfittxija fuq l-ajruplan.
Żewġ ajruplani tal-gwerra tal-RAF skortaw l-ajruplan li llandja ftit qabel is-7pm ħin tal-Ingilterra.
Il-Pulizija qalet li ma nstab xejn suspettuż u li żewġt irġiel ġew arrestati fuq suspett li għamlu theddid biex ipoġġu ajruplan f’periklu.
L-irġiel li għandhom 26 u 47 sena għadhom taħt arrest. L-ajruplan ingħata lura fil-kustodja tal-ajruport ta’ Stansted u lill-operatur tiegħu.
Kelliema għar-Ryanair qalet li l-ajruplan illandja b’mod normali però li l-passiġġieri tniżżlu f’żona remota fejn niżlu b’mod sigur.