Titjira mhux tas-soltu b’koala bħala VIP

Il-passiġġieri fuq titjira ta’ Eurowings minn Düsseldorf sa Edinburgh ingħaqdu ma’ mistieden mhux mistenni din il-ġimgħa – koala bear!

F’filmat ħelu miġbud fuq l-ajruplan, Tanami, koala minn Queensland ta’ 19-il xahar, tfaċċa fuq it-titjira… b’sorpriża għall-passiġġieri l-oħra. Hu kien fi triqtu lejn daru f’zoo f’Edinburgh.

Il-koala kellu trattament ta’ VIP b’ringiela sħiħa ta’ siġġijiet riżervata għalih, sabiex ikun komdu u jkollu ħafna spazju.

Għalkemm ħafna mill-passiġġieri jkollhom limitu ta’ ikel fuq l-ajruplan, Tanami kellu ammont kbir ta’ ewkaliptu biex jiekol l-ikel favorit tiegħu xħin irid. Kellu wkoll lil Mario Chindemi li ħa ħsiebu matul it-titjira.

Din it-titjira mhux tas-soltu kienet tal-ewwel darba għall-ekwipaġġ ta’ Eurowings li kienu eċitati ħafna li jkollhom lil Tanami fuq l-ajruplan.

Tanami se jingħaqad ma’ koalas oħra l-Iskozja, parti minn programm tal-konservazzjoni tat-trobbija, u se jieħu post Toorie li se jtir fuq ajruplan fi triqtu għaż-zoo ta’ Duisburg, minn fejn beda jivvjaġġa Tanami.