Titjib fis-servizz u fl-istennija fid-dipartiment tal-kardjoloġija – Chris Fearne

Il-lista tal-istennija biex pazjent jagħmel X-rays biex jiċċekkja l-arterji koronarji, niżlet minn sitt xhur għal kważi xejn. Issa il-pazjenti qed jissejħu għall-X-ray fi żmien ġimgħa.
Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għas-saħħa Chris Fearne waqt il-konferenza annwali tal-Malta Cardiac Society li matulha spjega li fl-aħħar xhur kien hemm titjieb kbir fis-servizz kardjologu fl-Isptar Mater Dei.
Chris Fearne semma wkoll il-progress fil-qasam tal-echocardiograms u saħaq li issa dawn qed isiru f’inqas minn 24 siegħa, filwaqt li l-lista tal-istennija naqqset minn kważi tliet snin għal sena.
Barra minn hekk, l-ammont ta’ echocardiograms li jsir f’xahar, tela’ minn 400 għal 900 X-ray.
Dwar il-kura tal-qalb f’Għawdex, is-Segretarju Parlamenti fakkar kif l-Għawdxin m’hemmx għalfejn jinżlu aktar Malta għall-echocardiograms, għax issa qed isiru fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
Fearne għalaq id-diskors tiegħu billi rringrazja lil dawk kollha li jaħdmu f’dan il-qasam u ħeġġeġ biex is-servizz ikompli dejjem jitjieb.