Titjib fil-mollijiet tal-Bajja ta’ San Tumas

Ritratt DOI - Jeremy Wonnacott

Mollijiet fil-Bajja ta’ San Tumas qed jerġgħu jinbnew wara li dawn sofrew ħsarat minħabba l-kuntatt mal-ilma baħar u l-maltemp. Il-proġett huwa ta’ valur ta’ €3 miljuni.

Dan ix-xogħol qed isir minn Infrastructure Malta u huwa parti minn pjanijiet li hemm għaż-żona tal-bajja. Ix-xogħol f’din iż-żona jinkludi wkoll il-bini ta’ żewġ mollijiet oħra mill-ġdid f’taż-Żonqor b’investiment ta’ madwar €840,000.

Il-Gvern, permezz ta’ stqarrija qal li dan ix-xogħol għandu l-għan li jelimina l-periklu għall-għawwiema, is-sajjieda u d-dilettanti tad-dgħajjes li jagħmlu użu minn din il-bajja popolari. 

“Dan ma jgħoddx biss għat-toroq tagħna iżda għall-bajjiet u l-portijiet ukoll”, spjega l-Ministru Borg.  

Huwa saħaq li din il-ħidma tikkumplimenta l-impenn ta’ Transport Malta, li timmarka żoni għall-għawwiema u twettaq infurzar fuq il-baħar.

Ġie spjegat li Infrastructure Malta qed taħdem biex il-maġġoranza tax-xogħlijiet tar-rikostruzzjoni jitlestew waqt ix-xhur tas-sajf meta l-baħar ikun għadu aktar kalm, kemm minħabba s-sigurtà tal-ħaddiema kif ukoll għall-protezzjoni tal-ambjent marittimu. 

Iż-żewġ mollijiet huma twal 50 metru. Ix-xahar li għadda, il-ħaddiema bdew it-twaqqigħ u t-tindif tal-istrutturi b’diversi miżuri għall-protezzjoni tal-ambjent. Bħalissa, l-istrutturi qegħdin jiġu iffurmati. Il-proġett mistenni jitlesta sal-aħħar tas-sena.