Titħassar laqgħa ‘urġenti’ tal-MCESD – UĦM

Laqgħa b’urġenza li ssejħet mill-MCESD tħassret fl-aħħar minuta, skont il-UĦM Voice of the Workers.

Fi stqarrija l-UĦM qalet li din il-laqgħa kellha ssir f’Kastilja fl-4pm.

“Rappreżentanti mill-UĦM, mill-GWU u mill-Kamra għall-Intrapriżi Żgħar u Medji stennew fir-receptionta’ Kastilja qabel ma suppost kellhom jitilgħu għal-laqgħa.

“Iżda ftit qabel ma kellha tibda, dawk li kienu preżenti kienu infurmati miċ-Chairpersonli l-laqgħa tħassret,” qalet il-UĦM.

Il-UĦM qalet li bdiet taħseb fejn kienu r-rappreżentanti tal-unjins l-oħra, jiġifieri tal-Kamra tal-Kummerċ, mill-MEA, u mill-MHRA.

“It-tħassir tal-laqgħa ma jawgurax tajjeb sabiex tiġi diskussa s-sitwazzjoni preżenti u l-impatt tal-pakkett ta’ miżuri b’mod pożittiv jew negattiv,” qalet il-UĦM.

Il-UĦM qalet ukoll li huwa ta’ dispjaċir li l-MCESD m’għandhiex l-infrastruttura biex ittella’ laqgħa onlajn.

Illum, l-awtoritajiet tas-saħħa ħabbru li Malta rreġistrat 11-il każ ġdid f’Malta. B’hekk it-total tela’ għal 64 każ.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn