Titħassar l-Airshow minħabba l-pandemija

Peter Paul Gauci

L-organizzaturi tal-Airshow internazzjonali ta’ Malta ħabbru li qed jikkanċellaw l-attività ta’ din is-sena minħabba l-pandemija. Fi stqarrija huma qalu li d-deċiżjoni ħaduha wara li l-Gvern malti ħareġ Avviż Legali li permezz tiegħu attivitajiet tal-massa b’aktar minn 300 persuna saru illegali. Is-Soċjetà tal-Avjazzjoni Maltija ħasset li l-attività tagħhom taqa’ f’din il-kategorija u għaldaqstant iddeċidew li jikkanċellawha.

Fl-istess stqarrija, l-organizzaturi qalu li qed jistennew tweġiba mill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu (MTA) biex jaċċertaw li l-ftehim li kien hemm għall-Airshow ta’ din is-sena jkun jista’ jiġi estiż għas-sena d-dieħla biex jibdew it-tħejjiet għall-Airshow tal-2021. Dan peress li l-MTA hija l-akbar sponsor tal-Airshow.