Titħassar Freshers’ Week fl-Università

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) ħassar Freshers’ Week fl-Università li ssir f’Ottubru minħabba l-imxija tal-coronavirus.

Il-President tal-KSU Matthew Xuereb bagħat jinforma lill-għaqdiet studenteski universitarji dwar dan dalgħodu.

Fl-email tiegħu, il-President qal li d-deċiżjoni ttieħdet meta KSU ra kemm qed jiżdiedu l-każijiet tal-coronavirus f’Malta f’dawn l-aħħar jiem. Stqarr li jifhem li l-għaqdiet se jkunu affettwati minn din id-deċiżjoni drastika, iżda wiegħed li l-KSU qed jipprova jsib alternattiva sigura għal kulħadd.

F’każ li s-sitwazzjoni titjieb fit-tieni semestru, għandha tinstab opportunità alternattiva għall-Freshers’ Week. Din l-attività normalment issir fil-bidu tas-sena akkademika sabiex jintlaqgħu l-istudenti l-ġodda fl-Università u jsiru jafu lill-għaqdiet studenteski li jirrappreżentawhom.

Illum għandu jitħabbar numru kbir ta’ każijiet tal-coronavirus. Il-MAM qalet li dan se jkun 150% tal-għadd normali ta’ każijiet li qed ikollha Malta. Hija għadha għaddejja bl-istrajk tat-tobba billi trid li l-attivitajiet tal-massa jiġu pprojbiti kompletament, filwaqt li l-MUMN issospendiet l-azzjonijiet industrijali tagħha.