Titħassar ċerimonja minħabba l-implikazzjonijiet fuq l-OPM

Read in English.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) fi stqarrija ħabbar li ċ-Ċerimonja tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2019, li kellha ssir fid-9 ta’ Diċembru, “ma tistax isseħħ fid-dell tqil ta’ żviluppi riċenti li jimplikaw lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru fl-investigazzjoni dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia”.

Fil-jiem li għaddew, il-President tal-KNK Mark Camilleri, li jiddikjara li għandu twemmin Laburista, sejjaħ b’lingwaġġ ikkulurit, għar-riżenji ta’ Keith Schembri minn Chief of Staff tal-Prim Ministru u  Konrad Mizzi minn Ministru.

Il-Kunsill iċċara li filwaqt li dan ma jfissirx li l-KNK neċessarjament iħaddan il-fehmiet ta’ Daphne Caruana Galizia, jirrikonoxxu “li bħala kittieba kienet monumentali biex skattat dan il-bdil politiku u sinifikanti li għaddej minnu l-pajjiż”.

Saħaq li l-kriżi kurrenti nazzjonali ħaqqha l-attenzjoni sħiħa ta’ kulħadd. Żied jgħid li l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jawgura li r-riżultati tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb ikunu  jistgħu jitħabbru f’Jannar li ġej “taħt ċirkostanzi li jimmeritaw iċ-ċelebrazzjoni tal-kittieba tagħna u x-xogħlijiet tagħhom”.