Titħajjar tixtri sehem fil-birrerija ta’ Farsons?

Trident Estates plc, li qed tiżviluppa Trident Park, fejn il-birrerija tal-1950 ta’ Farsons se tiġi mibdula f’business park mill-aktar modern, għadha kemm ħabbret li tletin miljun sehem ordinarju fi Trident ġew miżjuda fuq il-Borża ta’ Malta.
L-ishma ordinarji ta’ valur nominali ta’ €1 il-wieħed, ingħataw bħala dividend minn Simonds Farsons Cisk plc lill-azzjonisti tagħha. Kull azzjonist ta’ Farsons kien intitolat jirċievi sehem wieħed bla ħlas fi Trident għall kull sehem li kellu f’Farsons.
Trident flimkien mas-sussidjarji tagħha hija s-sid li tmexxi numru ta’ proprjetajiet prominenti u ser tkun qed taħdem b’mod indipendenti minn Farsons. Dan filwaqt li l-istruttura tat-tmexxija li twaqqfet hija maħsuba biex tiffoka proprju fuq dan in-negozju ġdid.
L-iżvilupp ta’ Trident Park, li huwa mistenni jlaħħaq l-ispiża ta’ €45 miljun, ser ikun l-ewwel proġett imnhiedi mill-Grupp hekk kif ġie listed fuq il-Borża. Il-pjan jaħseb biex il-binja tal-1950 tal-birrerija ta’ Farsons tiġi mibdula f’business park mill-aktar modern b’iżjed minn 16,000m2 ta’ spazju għal uffiċini u parkeġġ għal 680 vettura mifrux fuq diversi sulari.