Titħabbar skema għall-għaqdiet sportivi f’Għawdex

L-għaqdiet sportivi f’Għawdex jistgħu japplikaw għal skema ġdida t’għajnuna li tixbah lill-iskema tal-għaqdiet volontarji li kienet tnediet f’Lulju li għadda.
Il-Ministru għal Għawdex, Justyne Caruana, qalet waqt konferenza tal-aħbarijiet li l-iskema ta’ Lulju attirat ħafna għaqdiet fil-volontarjat, u għalhekk inħass il-bżonn li ssir skema oħra fuq l-istess linji, did-darba lill-għaqdiet sportivi rreġistrati f’Għawdex.
“Din l-iskema tfasslet wara li matul dawn it-tliet xhur inżammu xi laqgħat ma’ għadd ta’ għaqdiet sportivi f’dixxiplini differenti u nstemgħu l-problemi u s-suġġerimenti tagħhom” qalet il-Ministru Caruana.
Fost il-miri ta’ din l-iskema hemm it-trawwim ta’ soċjetà aktar attiva fiżikament f’Għawdex, biex jitkattar it-turiżmu sportiv, u biex tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn l-Ministeru għal Għawdex u l-għaqdiet sportivi permezz ta’ proġetti kollaborattivi, inizjattivi u attivitajiet oħra.
Kull applikazzjoni se tiġi analizzata mill-bord tal-għażla li se jiskrutinja kull applikazzjoni b’mod indipendenti u jara li jintlaħqu l-miri stabbiliti fil-kundizzjoniiet tal-applikazzjoni.
L-applikazzjoni tista’ tinkiseb mis-sit www.mgoz.gov.mt
Ritratt: MGOZ