Titħabbar skema għal sensory rooms tal-awtiżmu fid-djar

Tħabbret l-iskema Sens-Ability li se tkun qed tagħti għajnuna finanzjarja li tlaħħaq is-€6,000 biex ġenituri ta’ tfal u adulti bl-awtiżmu jew li għandhom diffikultajiet biex jipproċessaw l-informazzjoni sensorjali jkunu jistgħu jagħmlu sensory room f’darhom armata skont il-bżonnijiet speċifiċi tagħhom.

Il-Ministru Roderick Galdes, flimkien ma’ Dr Lydia Abela, spjega li din l-iskema se titħaddem mill-Awtorità tad-Djar u żied jgħid li l-għan ta’ din l-iskema huwa li permezz tagħha dawn il-persuni se jkunu aktar abbli biex jaffaċċjaw il-ġurnata u għalhekk ikunu jistgħu jilħqu l-potenzjal tagħhom.

Mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela sostniet li permezz ta’ din l-iskema se tmur għand dawk l-individwi u familji li għandhom bżonn sostenn b’mod dirett u fi djarhom, persuni li forsi jaraw id-dinja qed taqa’ fuqhom bil-piżijiet li għandhom fuqhom, familji li forsi ma jsabbtux saqajhom daqs kemm jagħmlu sezzjonijiet oħra tas-soċjetà u li jsofru fis-skiet.

Din l-iskema ġiet imfassla flimkien mal-Autism Parents Association, assoċjazzjoni ta’ ġenituri ta’ tfal bl-awtiżmu.