Titħabbar reverse osmosis “state of the art” għall-Għawdxin

Se ssir reverse osmosis “state of the art” f’Għawdex u xogħlijiet fuq in-netwerk tal-ilma sabiex jitranġaw żoni li dejjem taw il-problemi fil-provvista minħabba ħsarat repetittivi.
Il-Ministru għall-Immaniġġjar tal-Ilma, Joe Mizzi, ħabbar dan waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha ġie żvelat proġett massiċċ mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC).
Il-proġett hu ffinanzjat kważi kollu minn fondi Ewropej, jiġifieri €92 miljun mill-€100 miljun li ġew allokati.
Il-Ministru ddekskriva fi stqarrija dan l-investiment bħala xogħol imfassal b’reqqa biex jiggarantixxi futur aħjar lill-ġenerazzjonijiet li jmiss.
Qal li se ssir ħidma biex tiġi żgurata provvista aktar sigura għal Għawdex, u spjega kif il-proġett se jolqot numru wiesa’ ta’ fatturi, fosthom ukoll id-drenaġġ, minbarra dawk imsemmija diġà.
Kompla jgħid li se jsir ukoll investiment fuq is-sistema ta’ new water u se tkompli l-ħidma biex jitwassal l-ilma sekondarju ta’ kwalità eċċellenti f’aktar żoni.
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Aaron Farrugia, fiehem li dal-proġett se jaqbad minn qrunhom l-isfidi li Malta taffaċċa fil-konsum tal-ilma.
Farrugia semma li l-ħidma bdiet fl-2014 meta fil-Ftehim tas-Sħab mal-Kummissjoni Ewropea, ġie identifikat li l-ilma bħala riżorsa jeħtieġ interventi kbar.
9,000 metru kubu ta' ilma minn Ħondoq ir-Rummien
Sadanittant, fi stqarrija separata, il-Korporazzjoni għas-Servizz tal-Ilma qalet li r-reverse osmosis se ssir f'sit tad-WSC f'Ħondoq ir-Rummien, u se tku qed twassal mad-9,000 metru kubu ta' ilma kuljum lill-gżira Għawdxija kollha.
Intqal ukoll li l-estensjoni tal-infrastruttura tal-ilma se tilħaq żoni mwarrba fis-Siġġiewi, Ħaż-Żebbuġ u l-Qrendi, u l-istess se jiġri għad-drenaġġ, biex jintlaħqu żoni li huma l-aktar fit-Tramuntana, il-Majjistral u x-Xlokk tal-pajjiż.
Minn dan se jintlaħqu wkoll aktar bdiewa b'ilma tajjeb għat-tisqija.
Ritratt: DOI – Jason Borg