Titħabbar l-elezzjoni każwali għas-siġġu Parlamentari ta’ Muscat

Read in English.

Il-Kummissjoni Elettorali ġiet inkarigata mill-President biex tmexxi elezzjoni każwali fit-tieni distrett elettorali wara r-riżenja ta’ Joseph Muscat. Dan l-avviż kien ippubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern tal-lum u tħabbar fi stqarrija mill-Kummissjoni Elettorali.

Il-Kummissjoni Elettorali avżat li se tirċievi nominazzjonijiet ta’ kandidati għall-elezzjoni każwali sabiex jimtela dan il-post ta’ membru parlamentari fit-tieni distrett elettorali.

Dawk il-kandidati li kkontestaw it-tieni distrett elettorali fl-Elezzjoni Ġenerali ta’ Ġunju 2017, u li ma ġewx eletti iżda għandhom il-kwalifiki meħtieġa biex jiġu eletti, jistgħu jippreżentaw in-nomina tagħhom kuljum mit-8 sat-12 ta’ Ottubru, fl-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali f’Evans Building, Triq il-Merkanti, il-Belt Valletta, bejn id-9am u 12pm.

Formoli tan-nomina jistgħu jinkisbu mill-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali. Il-Kummissjoni Elettorali avżat li l-għadd tal-voti se jsir nhar l-Erbgħa 14 ta’ Ottubru 2020, mid-9am ’il quddiem.

Ir-riżenja ta’ Muscat waslet fil-ftuħ tal-Parlament mill-ġdid wara t-tmiem tal-vaganzi tas-sajf. F’diskors qasir fil-ħin tal-aġġornament ta’ nhar it-Tnejn, Muscat qal li fl-aħħar diskors tiegħu bħala Prim Ministru f’Jannar li għadda kien semma li se jirriżenja mill-Parlament fi ftit xhur. Qal li huwa ma kien avża lil ħadd peress li ma jħobbx iċ-ċerimonji. Huwa qal li kburi li serva fi tliet leġislaturi tal-Parlament. Qal li filwaqt li skont in-natura tiegħu jaħseb li seta’ għamel iktar, hu sodisfatt li qed jħalli lill-pajjiż aħjar milli sabu.