Il-Gvern ħabbar it-tmien laqgħa annwali tal-Kunsill tal-Maltin li jgħixu barra minn Malta.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela ħabbar li t-tmien laqgħa annwali tal-Kunsill tal-Maltin li jgħixu barra minn Malta li se ssir il-Ħamis u l-Ġimgħa.
Qal li fil-konvenzjonijiet dwar l-emigranti u l-emigrazzjoni saru rakkomandazzjonijiet biex ikun hemm korp li fih ikun hemm rappreżentanti tal-Maltin li jgħixu barra minn Malta, flimkien ma’ persuni oħra.
Sostna li dan qed isir biex jissaħħu r-rabtiet mal-Maltin ta’ barra kif ukoll mal-ġenerazzjonijiet ġodda.
Il-Kunsill hu magħmul minn 15-il membru flimkien ma’ Segretarju, u bil-Ministru għall-Affarijiet Barranin bħala ex officio Chairperson tal-Kunsill biex jaħdem fuq numru ta’ għanijiet.
Il-Kunsill jiltaqa’ darba fis-sena f’Malta, imma matul is-sena l-Kunsill jibqa’ għaddej bil-ħidma tiegħu permezz ta’ diskussjonijiet li jsiru permezz tal-mezzi ta’ komunikazzjoni u b’konsultazzjoni mal-komunitajiet ta’ Maltin li jinsabu mferrxa mal-erba’ tirjieħ tad-dinja.
Fuq l-aġenda tad-diskussjoni għal-laqgħa tal-Kunsill li ser issir din is-sena hemm 28 tema li jolqtu, fost l-oħrajn:
- It-tagħlim tal-ilsien Malti u l-istorja tal-emigrazzjoni
- It-tixrid tal-kultura Maltija
- L-effett tal-liġijiet dwar il-propjetà u t-taxxi fuq id-dijaspora
- Iċ-ċittadinanza Maltija u dik doppja
- Il-votazzjoni mill-bogħod għall-Parlament u dik tal-Parlament tal-Unjoni Ewropea
- Twaqqif ta’ reġistri ta’ organizazzjonijiet u ta’ persuni prominenti Maltin li jgħixu barra minn Malta
- Servizzi bankarji għall-komunità
- Fondi tal-Unjoni Ewropea,
- Twaqqif ta’ stazzjon tar-radju u website, roadmap għall-Kunsill,
- L-Innu Malti
- Faċilitajiet għall-Maltin ta’ barra li jżuru Malta,
- Skambju ta’ talenti fid-diversi oqsma bejn Maltin li jgħixu Malta u dawk li jgħixu barra minn Malta
Ritratt: DOI – Pierre Sammut