Imutu l-aħwa Borg; membri tal-klabb taċ-ċikliżmu ta’ Qormi

Mietu l-aħwa Nenu u Sebastian Borg, eks-membri tal-klabb ta’ Qormi CC fl-età ta’ 81 u 71 sena rispettivament. Antonio Borg magħruf bħala Nenu, flimkien ma’ Joseph Abela u Paul Attard kienu l-ko-fundaturi tal-klabb ta’ Qormi CC meta fid-9 ta’ April tal-1961, mħeġġa minn xi dilettanti taċ-ċikliżmu.

Minkejja d-diffikultajiet u bosta spejjeż, huma xorta waqqfu l-klabb u bdew f’kamra żgħira li sselfu f’ħanut tar-roti mmexxi mill-familja ta’ Nenu Borg. B’hekk iċ-Ċikliżmu f’Ħal Qormi kiber, grazzi għas-suċċessi li bdew jiksbu ċ-ċiklisti tagħhom fit-tiġrijiet ewlenin lokalment.

Sebastian Borg, min-naħa tiegħu kien wieħed miċ-ċiklisti ewlenin tal-bidu wasal jirrapreżenta lil Malta f’diversi okkażjonijiet fosthom fil-loghob pre-olimpiku li kien sar f’Munich, il-Ġermanja.

Il-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu bagħtet il-kondoljanzi tagħha lill- familjari, qraba u ħbieb, kif ukoll lil Qormi Cycling Club għal dawn it-telfiet.