Titħabbar il-mewt ta’ John Formosa; ħadem qrib San Ġorġ Preca

Is-Sibt filgħodu tħabbret il-mewt ta’ John Formosa, li kien Segretarju Ġenerali tas-Soċjetà tal-Museum fis-snin tmenin u disgħin.

Huwa kellu 87 sena. Twieled il-Birgu imma għex ħafna minn ħajtu l-Gżira. Fl-1949, sar membru tal-Museum. Sa minn meta kellu 14-il sena sar jaf lill-Fundatur tas-Soċjetà, San Ġorġ Preca. Huwa kien jieħu n-noti tal-laqgħat ta’ Dun Ġorġ u l-Fundatur innifsu kien jiddettalu uħud mill-kotba li ħareġ. Formosa kien l-aktar soċju tal-Museum – minn dawk li kienu għadhom ħajjin – li kien qrib San Ġorġ Preca.

Ftit wara l-mewt ta’ Dun Ġorġ, huwa beda joħroġ rivista bl-isem “Dun Ġorġ” bi studji speċjalizzati dwaru. Kien magħruf ukoll bħala espert fuq il-ħajjiet tal-qaddisin u kien beda joħroġ sensiliet ta’ ħajjiet bl-isem “Profili”.

Sal-lum ix-xandiriet tiegħu tal-Qaddis tal-Jum għadhom jinstemgħu fuq ir-radju. Formosa ħadem kemm felaħ biex jara lill-fundatur ħabib tiegħu ddikjarat qaddis u rnexxielu jarah qabel imut, proprju nhar it-3 ta’ Ġunju 2007 fi Pjazza San Pietru l-Vatikan.