Titħabbar il-Kummissjoni li se tirrevedi s-sistema Ġudizzjarja

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ġustizzja Owen Bonnici ħabbar il-Kummissjoni li se tkun qed tirrevedi s-Sistema tal-Ġustizzja.

L-eks Imħallef tal-Qorti Ewropea Giovanni Bonello se jkun qed imexxi din il-Kummissjoni flimkien mal-eks Imħallef Philip Sciberras u l-avukati Kevin Aquilina u Ramona Frendo.

Din il-Kummissjoni se jkollha diversi għanijiet fosthom eżami tas-sistema tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja, reviżjoni tas-sistema legali u proposti għal riformi biex jiġu mħarrsa dawk li huma fil-bżonn.

Dr Owen Bonnici qal li l-Gvern għandu l-obligu li titlesta reviżjoni fuq ir-riforma sal-aħħar tas-sena u l-punti li jkunu ssemmgħu ikunu fi stadju ta’ implimentazzjoni. Huwa kompla jgħid li f’każ li jkun hemm il-parir li ċertu liġijiet jiddaħlu qabel tmiem is-sena, dan isir.

Mistoqsi dwar l-irwol ta’ Franco Debono, Dr Bonnici qal li Dr Debono se jieħu f’idejh kariga li f’dawn l-aħħar snin ħass li ma kinitx qed tiffunzjona. Huwa kompla jgħid li kellu jintagħżel xi ħadd li jagħti enerġija ġdida lil din il-kariga li se tikkonsisti f’konsulenza fuq diversi liġijiet u assigurazzjoni li l-liġijiet ikunu aġġornati maż-żminijiet ta’ llum. Madanakollu, Owen Bonnici temm jgħid li d-deċiżjoni aħħarija se tkun f’idejn il-Parlament.