Titħabbar il-ġurija ta’ Malta’s Got Talent

Read in English.

Ikomplu l-preparamenti għall-ewwel edizzjoni tal-programm Malta’s Got Talent li se jkun qed jitwassal fuq TVM minn Ottibru li ġej.

Ilbieraħ filgħaxija tħabbru l-erba’ membri tal-ġurija filwaqt li dalgħodu se jkun qed jitħabbar min se jkun qed jippreżenta dan l-ispettaklu televiżiv ġdid.

L-attur popolari Ray Attard li nafuh f’sensiliet bħal One Star Hotel, Santa Monika u Klassi Għalina huwa qal li “Ħerqan sabiex nara t-talent li għandna f’pajjiżna u ħerqan ukoll sabiex nagħti l-pariri lin-nies li ser nara quddiemi. Ċert li snin twal ta’ esperjenza ser isarrfu sabiex inkabbru ġenerazzjoni ġdida ta’ talent Malti.

Il-mudella u influencer Sarah Zerafa kkummentat fuq il-paġna tagħha ta’ Facebook li tinsab ferm onorata li se tkun parti minn din il-produzzjoni.

Maxine Aquilina li ħadmet f’numru kbir ta’ produzzjonijiet teatrali tinsab qalet li tinsab eċċitata li se tkun parti minn din il-produzzjoni biex tfittex talent ġdid.

Ir-raba’ u l-aħħar membru tal-ġurija huwa Howard Keith Debono, li konna naraw ukoll fil-programm X Factor Malta. Huwa kkummenta li jinsab kurjuż biex jara t-talent li se jkun qed jitla’ fuq il-palk quddiemu.

Wara li dalgħodu jitħabbar il-preżentatur ikun imiss li jibdew isiru wkoll l-auditions fil-ġimgħat li ġejjien wara li dan l-aħħar kellhom jiġu posposti minħabba fis-sitwazzjoni preżenti tal-coronavirus.

Waqt Malta’s Got Talent se nkunu qed naraw kull tip ta’ talent bir-rebbieħ imur lura d-dar bil-premju fantastiku ta’ €25,000.