Titħabbar id-data tal-baġit

Arkivji

Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna ħabbar waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni dwar il-baġit, li d-data tal-baġit għall-2019 se tkun it-22 ta’ Ottubru.

Scicluna qal li t-tkabbir ekonomiku ma jistax jitqies bħala ovvju iżda għandu jkun interpretat u osservat mill-viċin. Scicluna qal dan fid-dawl tal-fatt li minkejja li l-ekonomija qed tikber aktar minn dik ta’ pajjiżi oħrajn bdew jidhru sinjali li dan it-tkabbir qed jonqos.

Rigward it-tkabbir fis-settur tal-kostruzzjoni, il-Ministru Scicluna qal li jkun inkwetat jekk il-provvista ta’ proprjetajiet ma’ tlaħħaqx mad-domanda. Huwa żied li l-istimolu għall-ekonomija se jkun pospost għal meta jkun meħtieġ u l-ekonomija tkun f’saħħitha meta r-rata tal-inflazzjoni tkun madwar 2%.

Dwar is-surplus Scicluna qal li dan se jintefaq u l-Gvern qed jimmira biex ikollu baġit bilanċjat.