Titħabbar id-data ta’ meta se jkompli l-Bundesliga

Tħabbar uffiċjalment li l-futbol fil-Ġermanja se jibda mill-ġdid nhar is-Sibt 16 ta’ Mejju. B’hekk il-Bundesliga se jkun l-ewwel league tal-futbol fl-Ewropa li jagħmel dan.

Waħda mil-logħbiet fl-ewwel ġurnata se tkun id-derby bejn Schalke u Borussia Dortmund. L-għada l-Ħadd ikun imiss il-logħba bejn iċ-champions preżenti Bayern Munich u Union Berlin. Bayern Munich bħalissa qegħdin fil-quċċata tal-klassifika b’vantaġġ ta’ erba’ punti.

Bosta mit-timijiet baqagħlhom disa’ logħbiet x’jilagħbu u l-league mistenni jintemm fit-tmiem tal-ġimgħa 27-28 ta’ Ġunju.

Il-Federazzjoni tal-Futbol Ġermaniża se tkompli l-logħob taħt regolamenti stretti tas-saħħa, fosthom li l-logħob jintlagħab bil-bibien magħluqa u li l-plejers kollha jkunu ttestjati għall-Covid-19.

Hu maħsub li waqt il-logħob proprju fil-grawnd ma jkunx hemm aktar minn 300 persuna li jinkludi l-plejers, l-istaff u l-uffiċjali tal-klabbs.

Il-logħob fil-Ġermanja ilu wieqaf mit-13 ta’ Marzu waqt li numru ta’ plejers bdew jitħarrġu mill-ġdid fi gruppi minn nofs April.