Ritratti: Titfakkar il-wasla tat-truppi Awstraljani u dawk minn New Zealand f’Gallipoli

Illum Malta qed titfakkar il-wasla tat-truppi Awstraljani u dawk minn New Zealand f’Gallipoli f’dik li hija magħrufa bħala Anzac Day.
Malta għandha rabta mal-avveniment storiku ta’ Gallipoli meta pazjenti mill-gwerra bdew jaslu Malta f’Marzu tal-1915.
Is-suldati midruba kienu jdumu ġimgħa jivvjaġġaw 850 mil fil-Mediterran biex jingħataw il-kura f’Malta.
Mas-70,000 suldat kienu ntbagħtu mill-forzi alleati f’Gallipoli biex jattakkaw lill-Imperu Ottoman, f’attentat biex jieħdu f’idejhom l-belt ta’ Kostantinopli.
Huwa stmat li iktar minn 11,400 suldat kienu tilfu ħajjithom f’din il-battalja.
Intant il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, George Vella ħa sehem fiċ-ċerimonja Kommemorattiva Anzac Day.
Iċ-ċerimonja saret fiċ-Ċimiterju Militari tal-Pietà.
F’isem il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Gvern ta’ Malta, Vella qiegħed girlanda.
Ritratt: DOI: Jerremy Wonnaccot