Iċ-Ċentru tat-Trasfużjoni tad-Demm appella lill-pubbliku biex ma jistenniex li sseħħ diżgrazzja biex imur jagħti d-demm.
Fakkar li fil-11 ta’ Frar se jiġi ikkommemorat il-Jum Ewropew tal-112, data li l-jum (11) u x-xahar (2) tagħha jagħmlu l-112. L-għan ta’ dan il-jum hu li jinħoloq għarfien dwar l-importanza ta’ dan in-numru biex meta tinqala’ emergenza jew disgrazzja wieħed isejjaħ għal għajnuna professjonali fil-pront. Iċ-Ċentru spjega li meta jiskatta dan l-allarm ta’ emergenza kbira tidħol fis-seħħ katina t’azzjonijiiet biex jiġu salvati l-ħajjiet, fosthom jiġi notifikat il-Bank tad-Demm bil-possibbiltà ta’ domanda kbira għad-demm.
Għalhekk, ikun għaqli li l-Bank tad-Demm ikollu riżerva disponibbli.
Wieħed jista’ jagħti d-demm:
- fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa li jiftaħ kuljum mit-8am sas-6pm
- fil-Mobile Blood Donation Unit li nhar il-Ħadd 9 ta’ Frar bejn it-8.30am u s-1pm se jkun fil-wesgħa ta’ quddiem il-knisja l-qadima ta’ Santa Venera; it-Tnejn 10 ta’ Frar se jkun fid-daħla tar-Residenza għall-Anzjani San Vinċenz DePaule bejn it-8.30am u l-4pm
- fil-Berġa tax-Xewkija li nhar it-Tlieta 11 ta’ Frar se tkun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mis-1pm sal-5pm.
Wieħed irid jieħu miegħu l-karta tal-identità, jew il-liċenzja tas-sewqan jew passaport Malti.