Awdjo: Tistenna tarbija wara li qalgħet grazzja minn Dun Mikiel Attard

L-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech qal li fl-aħħar jiem, omm Għawdxija stqarret li qalgħet grazzja bl-interċessjoni tas-saċerdot Għawdxi Dun Mikiel Attard f’temp ta’ tlett ijiem. Minn informazzjoni li ghandu Newsbook.com.mt, Dun Milkiel qala' grazzja lil mara li kienet qatghet qalbha li ssir omm.
Waqt il-programm Mill-Polz taċ-Ċittadin fuq RTK, l-Isqof Grech spjega li kellem lir-Rettur tas-Seminarju Fr Daniel Scerri li huwa l-Viċi-Postulatur tal-kawża, li qallu li marret għandu mara li segwiet il-quddiesa tal-ftuħ tal-proċess ta’ beatifikazzjoni ta’ Dun Mikiel.
L-omm qaltlu li kienu ilhom ħafna jitolbu lill-Bambin biex jaqilgħu grazzja “u qlajniha meta tlabniha bl-interċessjoni ta’ Dun Mikiel.”
Mistoqsi jekk dan jistax jitqies bħala miraklu, l-Isqof Grech ma jridx jgħaġġel iżda saħaq li “dan żgur huwa sentiment reliġjuż tal-poplu tagħna.”
Appella biex “nibqgħu nitolbu lil Alla biex jagħtina sinjal, u nitolbu grazzja bl-interċessjoni ta’ dan is-saċerdot.”
Mons. Grech spjega li kienu aktar minn 110 saċerdoti Għawdxin li ppreżentaw petizzjoni lid-Djoċesi ta’ Għawdex sabiex jibda l-proċess ta' beatifikazzjoni.
Spjega kif it-tribunal issa se jkun qed jiġbor ix-xhieda u tagħrif ieħor, biex imbagħad il-Knisja tagħmel il-ġudizzju tagħha.
L-Isqof Mario Grech qal li għadu jisma’ lill-predeċessur tiegħu l-Isqof Nikol Cauchi waqt il-funeral ta’ Dun Mikiel, meta qal li “għandu tama li ma jgħaddix ħafna żmien meta jiġi xi ħadd li jgħidli li qala’ grazzja bl-interċessjoni ta’ Dun Mikiel.” Saħaq li jidher li dak li xtaq l-Isqof Cauchi 10 snin ilu, qed jivverifika ruħu. 
Dun Mikiel Attard kellu devozzjoni kbira lejn Ġesù Ewkaristija u lejn il-Madonna ta' Pinu, filwaqt li għen ħafna biex l-ispirtu tal-Konċilju Vatikan it-Tieni jiġi mifhum u aċċettat fil-Knisja lokali. Is-saċerdot Għawdxi miet b'fama ta' qdusija fit-30 ta' Lulju 2004.