“Tistaqsuhx aktar dwar 17 Black” – l-avukati ta’ Keith Schembri

L-avukati taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri talbu fil-Qorti sabiex mistoqsijiet dwar 17 Black ma jiġux permessi hekk kif il-libell li fetaħ lill-eks-Kap tal-Oppożizzjoni ma għandux x’jaqsam ma’ dawn l-allegazzjonijiet.

Illum kompla jinstema’ l-każ tal-libell li fetaħ Schembri lil Busuttil idur mad-diskors li kien għamel Busuttil nhar is-6 ta’ Marzu tal-2016 waqt protesta kontra l-korruzzjoni fil-Belt Valletta. L-avukati sostnew mal-Maġistrat Depasquale li jekk il-Qorti ma tiddeċidix li tirrifjuta l-mistoqsijiet dwar 17 Black, is-smigħ tal-Qorti se jkun qed jitħalla jintuża għal mottivi ulterjuri.

Intant, l-avukat ta’ Busuttil sostna li persuna li ma għandiex minn xiex tibża’ ma tagħmilx kundizzjonijiet tat-tip. Sostna li l-Panama Papers, li kien jitkellem dwarhom Busuttil isemmu kumpaniji sigrieti, li waħda minnhom tappartjeni lil Schembri. Insista li Schembri għandu jwieġeb ladarba ddeċieda li jiftaħ libell, għandu jkun suġġett għal mistoqsijiet anke dwar spunti u dokumenti li ħarġu wara li seħħ id-diskors speċifiku li dwar nfetaħ il-libell.

Il-Qorti ddeċidiet li tiddeferixxi l-kawża għas-7 ta’ Marzu fejn se tkun qed tagħti d-digriet tagħha dwar din it-talba.

Intant fuq Twitter, Busuttil sostna li l-ġustizzja qed tibqa’ tiġi posposta. Insista li Schembri reġa’ ħareġ bi skuża “banali” sabiex jevita li jwieġeb mistoqsijiet dwar in-negozju fil-Panama. Qal li Schembri ilu jaħrab mill-ġustizzja minn meta l-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia ħarġet il-blogg tagħha dwaru madwar tliet snin ilu.