Tistaqsi s-suq taż-żejt hux veru liberalizzat

Fi stqarrija, il-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) staqsiet jekk is-suq tal-fuel f’Malta hux veru liberalizzat. Il-unjin qalet li hi mħassba wara, dak li sejħet, żvilupp, meta “pompa partikolari tal-petrol ma tħallietx tnaqqas il-prezz tal-fuel għall-konsumaturi”.
Il-UĦM qalet li tinkwieta għaliex ftit sigħat wara li roħos il-prezz, saret pressjoni minn “operatur privat” biex din il-pompa tal-petrol terġa’ tgħolli l-prezz. Il-unjin staqsiet jekk is-suq f’Malta hux iddominat minn entità tal-istat li qed tiddetermina l-prezzijiet f’Malta minkejja li jeżistu operaturi oħra li jipprovdu l-fuel.
Waqt li sostniet li jekk inhu hekk, il-prinċipju bażiku ta’ suq liberalizzat, fejn il-konsumatur jista’ jagħżel, qed jinkiser, il-UĦM appellat lill-awtorità tal-konsumatur biex tinvestiga jekk “azjenda tal-istat li twaqqfet f’Ottubru għandhiex pożizzjoni dominanti fis-suq lokali”.
Ħeġġet ukoll lill-Gvern biex quddiem l-MCESD jispjega kif jaħdem is-suq tax-xiri taż-żejt u kif dan hu regolat.
Talbitu wkoll jispjega kemm isselfet Enemed biex tipprovdi l-fuel u jekk is-self kellux effett fuq il-prezz tal-petrol u d-diesel. Talbitu wkoll jispjega dwar il-prezz li bih Malta qed tixtri ż-żejt permezz ta’ hedging u dwar meta dan se jispiċċa, u jekk Enemed hix se tidħol għal ftehim ieħor bi prezz orħos għall-bqija tas-sena. 

Reazzjoni Ministeru għall-Enerġija:
B’referenza għall-każ tal-pompa tal-petrol tar-Rabat, il-Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa jiċċara li s-suq tal-fuels f’Malta huwa liberalizzat.
Stqarrija tal-Ministeru ssostni li dawk kollha involuti fis-suq huma fil-libertà li jikkompetu fuq prezzijiet.