Tista’ żżur 7 siti storiċi għal €20 biss

Bħala parti mill-esibizzjoni tal-għeluq ta’ Valletta 2018 bl-isem Constellation Malta, wieħed se jkun jista’ jżur seba’ siti storiċi madwar Malta u Għawdex b’biljet speċjali ta’ €20 biss.

Kif jissuġġerixxi l-isem, Constellation Malta hi esibizzjoni fil-forma ta’ kostellazzjoni madwar il-Gżejjer Maltin, u se twassal pittura, skultura, rakkmu, fotografija, installazzjonijiet tal-vidjo, dawl u akustika, rappreżentazzjonijiet u interventi speċifiċi għal kull sit f’diversi postijiet storiċi prominenti, spazji komunitarji u spazji pubbliċi madwar il-Gżejjer Maltin.

Dawn il-forom artistiċi differenti se jiġu esibiti fi 8 siti f’Malta u 2 f’Għawdex huma:

  • Il-Forti Sant’Iermu
  • Il-Knisja ta’ Santa Maria Maddalena u l-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija fil-Belt Valletta
  • It-Tempji ta’ Ħal Tarxien
  • Iċ-ċentru tal-viżitaturi ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra fil-Qrendi
  • Il-kannierja tal-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Katerina fiż-Żejtun
  • Triq l-Arkati fl-Isla,
  • Il-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali fl-Imdina
  • Iċ-Ċentru tal-Viżitaturi tal-Ġgantija
  • Il-Mitħna ta’ Kola fix-Xagħra, Għawdex.

Biljett ta’ € 20 jissarraf fi dħul ta’ darba f’kull wieħed mis-siti ta’ Heritage Malta li jagħmlu parti minn din l-esibizzjoni, u jista’ jintuża matul il-perjodu kollu tal-wirja, bejn it-13 ta’ Ottubru u d-9 ta’ Diċembru 2018. Ix-xogħlijiet artistiċi kollha esibiti f’postijiet komunitarji u spazji pubbliċi huma aċċessibbli mingħajr ħlas. Il-biljetti jistgħu jinxtraw minn hawnhekk jew mis-siti ta’ Heritage Malta li jagħmlu parti minn din l-esibizzjoni.

Fost l-artisti hemm ismijiet kbar fil-qasam tal-arti kontemporanja, fosthom Marina Abramović, Chiharu Shiota, Forensic Oceanography and Architecture, Kyung-Jin Cho, Austin Camilleri, Yoshitomo Nara, Saskia Calderón, Eulalia Valldosera u Tania Berta Judith. Il-wirja tinkludi wkoll il-parteċipazzjoni tal-Malta Fancy Poultry and Pigeon Club kif ukoll ġabra ta’ ritratti anonimi bl-isem ta’ ‘Readymades in Malta’.