Tista’ tuża l-vawċer il-blu fis-setturi tal-arti u l-kultura

Il-vawċer il-blu ta’ €20 diġà jista’ jintuża għand negozji ta’ arti, kultura u edukazzjoni. Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Ekonomija qal li sema t-talba tal-Malta Entertainment Industry and Arts Association (MEIA) biex jekk jerġgħu jinħarġu l-vawċers, parti minn dawn ikunu jistgħu jintużaw għal attivitajiet relatati ma’ arti u kultura.

Il-Ministeru spjega li l-vawċer il-blu jista jintuża fis-settur tal-arti u l-kultura b’dan il-mod:

  • Attivitajiet fotografiċi (74.20)
  • Edukazzjoni oħra n.e.c. (85.59)
  • Servizzi personali oħrajn (96.00)
  • Attivitajiet oħrajn ta’ servizzi personali n.e.c. (96.09)
  • Edukazzjoni kulturali (85.52)
  • Performing Arts (90.01)
  • Attivitajiet ta’ sapport għall-performing arts (90.02)
  • Kreazzjoni artistika (90.03)
  • Operazzjonijiet ta’ faċilitajiet tal-arti (90.04)
  • Attivitajiet ta’ amusement parks u theme parks (93.21)
  • Attivitajiet rikreazzjonali oħrajn (93.29)
  • Bejgħ ieħor li mhux minn ħwienet jew suq (47.99)

Il-Ministeru kkonferma li n-negozji kollha rreġistrati taħt dawn il-kodiċi NACE, f’Lulju li għadda, intbagħtitilhom ittra permezz tal-posta reġistrata sabiex huma jkunu jistgħu jattivaw il-‘Business Account’ tagħhom fl-applikazzjoni diġitali tal-vawċers sabiex b’hekk huma wkoll ikunu jistgħu jirċievu u jsarrfu dawn il-vawċers.

Intant, il-ministeru qed jieħu nota tar-rakkomandazzjonijiet l-oħrajn imressqa mill-istess assoċjazzjoni, kif ukoll qed jiġu kkunsidrati aktar miżuri vijabbli intiżi biex jgħinu wkoll lis-setturi tad-divertiment u l-arti.