Tista’ tredda’ fuq l-Air Malta sakemm ma ddejjaqx lill-oħrajn

Omm b’tarbija tista’ tredda’ abbord l-ajruplani tal-Air Malta, sakemm ma ddejjaqx lill-passiġġieri oħra.
Kelliem għall-Air Malta qal ma' Newsbook.com.mt li l-linja tal-ajru m'għandhiex regoli uffiċjali dwar dan. Linji tal-ajru oħra li m'għandhomx regoli uffiċjali dwar it-treddigħ abbord jinkludu l-Air Canada, il-Lufthansa, l-Air France u l-British Airways.
Madanakollu dan mhux il-każ mal-Alaska Airlines, il-Jet Blue Airlines u l-WestJet, li għandhom regoli ċari favur l-ommijiet bit-trabi. Fil-fatt il-membri tal-ekwipaġġ jiġu mħarrġa dwar kif għandhom jgħinu lill-ommijiet li jkunu qed ireddgħu.
Abbord l-ajruplani ta’ dawn il-linji tal-ajru, f’każ li omm li tkun qed tredda’ u ddejjaq lil xi passiġġier ieħor, il-passiġġier jittieħed f’parti oħra tal-ajruplan. Ir-regolamenti jgħidu wkoll li l-omm qatt ma għandha titwaqqaf milli tredda’ jew tiġi mġiegħla tpoġġi x’imkien ieħor. Il-policy tipprojbixxi wkoll li l-membri tal-ekwipaġġ iġiegħlu lill-omm tgħatti sidirha b’kutra.
Ix-xahar li għadda fl-Istati Uniti omm li kienet se tivvjaġġa b’binha ta’ 10 xhur mal-linja tal-ajru Delta staqsiet fuq Twitter dwar il-policy tat-treddigħ. Dan minħabba li binha ma kienx jieħu ħalib fil-flixkun u jiddejjaq jixrob meta jkun mgħotti.
Ir-risposta li rċeviet kienet li sfortunatament ma tistax tredda’ fuq l-ajruplan jekk ma tkunx mgħottija. Wieġbet lura li t-titjira tagħha hi twila sitt sigħat u binha jkun irid jixrob kull sagħtejn.
Finalment, wara li dan il-messaġġ qajjem furur, Delta spiċċaw skużaw ruħhom mal-klijenta u qalu li l-impjegata tagħhom ma kinitx infurmata tajjeb.