​Tista’ tkun politiku u Kattoliku fl-azzjonijiet tiegħek?

Ix-Shadow Minister Laburista għall-Edukazzjoni tar-Renju Unit Mike Kane se jkun qed jitkellem dwar kif persuna tista tieħu azzjonijiet politiċi fl-isfond Kattoliku.
Huwa se jkun qed jiddiskuti dan f’taħdita organizzata mill-Istitut tal-Knisja għar-Riċerka, DISCERN, li se ssir fil-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana nhar il-Ġimgħa li ġej 20 t’April.
DISCERN qal li din it-taħdida hija miftuħa għall-pubbliku ġenerali. Il-kelliem Ingliż nieda l-grupp “Catholics for Labour” fl-Ingilterra fejn sostna li l-għan ewlieni mhuwiex biss li jagħmel osservazzjonijiet fuq ġrajjiet kurrenti, iżda li jwettaq ġustizzja soċjali imnebbħa mit-tagħlim Kattoliku.
Mike Kane spjega li l-grupp qed jaħdem biex jipprepara lill-membri tiegħu għall-ħajja fis-servizz pubbliku bil-għan li l-Kattoliċi jieħdu sehem fl-isfera pubblika.
Fid-diskussjoni tiegħu, Kane qal li se jieħu spunt minn dak li qal il-Papa Franġisku meta sostna li l-ħajja politika ma tistax titjieb jekk wieħed jibqa’ biss josserva mill-bogħod. Il-Papa qal li dan jitlob involviment personali fl-ispirtu tal-karità u għajnuna lil min huwa fil-bżonn.
It-taħdita tibda fis-7pm.