Tista’ tirċievi €150 jekk tadotta annimal

Min jadotta kelb jew qattus minn santwarju tal-annimali jista’ jingħata benefiċċju soċjali ta’ €150. Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri li nieda l-‘Adopt a Pet Allowance’.

Din l-inizjattiva hija intenzjonata li tnaqqas l-annimali abbandunati fit-toroq billi tinkoraġixxi lil min irid ikollu pet biex jadotta wieħed minn santwarju liċenzjat minflok jixtrih. Ħafna minn dawn l-annimali jkunu sfaw abbandunati u ġew salvati mill-uffiċjali tal-Animal Welfare.

Il-benefiċċju jingħata sitt xhur wara li l-persuna jkun sar sid l-annimal u wara li jkunu saru l-verifiki neċessarji kollha. Uffiċjali tal-Animal Welfare se jkun qed jagħmlu żjarat għal għarrieda biex jassiguraw li l-annimal adottat qed jiġi kkurat tajjeb minn sidu. Persuni li fil-passat kellhom każi ta’ moħqrija tal-annimali mhumiex eliġibbli għal din l-iskema.

Kull persuna tista’ tibbenifika minn din l-iskema għal annimal wieħed biss u jrid ikollha iktar minn 18-il sena. Jistgħu jiġu adottati sa massimu ta’ żewġ annimali fl-istess residenza.