Tista’ tirbaħ €1,000 f’konkors letterarju

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ħareġ sejħa għal artisti biex jieħdu sehem f’konkors letterarju tal-arti viżwali.
Il-parteċipanti huma mitluba joħolqu xogħol imsejjes fuq kitba letterarja Maltija tal-għażla tagħhom.
Fi stqarrija l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qal li se jintgħażlu massimu ta’ 10 xogħlijiet minn ġurija skont il-kriterji tal-konkors.
Ix-xogħlijiet li jintgħażlu se jidhru f’wirja f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi matul l-edizzjoni li jmiss tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb bejn it-8 u t-12 ta’ Novembru.
Dawn jistgħu jinkludu pitturi, arti diġitali, fotografija jew skulturi u se jkunu għall-bejgħ matul il-wirja bi prezz stipulat mill-artist innifsu.
Id-dħul mill-bejgħ se jkun tal-artisti li pproduċew ix-xogħol.
Barra minn hekk, l-istess ġurija indipendenti se tagħżel xogħol eċċezzjonali għal nomina speċjali tal-ġurija.
L-artisti tax-xogħlijiet magħżula se jiġu onorati waqt il-ftuħ tal-wirja f’ċerimonja li fiha se jingħataw ċertifikat ta’ rikonoxximent.
L-artist tax-xogħol li jirċievi n-nomina speċjali tal-ġurija se jingħata wkoll premju ta’ €1,000.
Għal aktar tagħrif, il-pubblika jista' jikteb lil John Grech fuq john.f.grech@gov.mt jew lil Simona Cassano fuq simona.cassano@gov.mt.
Ritratt: Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb