“Tista’ tiffranka mill-kont tad-dawl b’sistema bħal tal-income tax”

Prof. Josef Lauri, Professur tal-Matematika fl-Università ta’ Malta rrimarka li jkun ideali li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma jkunu jaħdmu b’sistema bħal dik tat-taxxa fuq id-dħul.

Ma’ Newsbook.com.mt, Prof. Lauri spjega li s-sistema ta’ rikonċiljazzjoni, jiġifieri li l-Gvern jagħtik lura ż-żejjed li jkun ħadlek fl-aħħar tas-sena permezz ta’ ċekk, tiffaċilita li n-nies ma jingidmux b’kontijiet għoljin aktar milli suppost. Spjega li jekk l-ARMS ma tridx li toħroġ ammont kbir ta’ flus biex tħallas lura, tista’ tuża l-aħħar żewġ kontijiet tas-sena sabiex jitnaqqas minnhom l-ammont żejjed li wieħed ikun ħallas.

“Investiment moħli jekk l-ismart meters jibqgħu jaqraw ħażin”

Il-Ministru għall-Enerġija Joe Mizzi mal-gazzetta The Malta Independent, li s-sistema tal-kontijiet kull xahrejn mhux se tinbidel. Aktar tard il-Ministru spjega li sar investiment kbir fiha sabiex jinkoraġġixxi lin-nies biex jaħlu inqas elettriku. Min-naħa tiegħu, Prof. Lauri sostna li l-investiment ikun moħli, mhux jekk tinbidel is-sistema, imma jekk l-ismart meters jibqgħu jaqraw konsum skorrett.

Kompla jgħid li l-investiment li sar kien fl-ismart readers u mhux fis-sistema tal-kontijiet u għaldaqstant jekk ikollha tinbidel is-sistema tal-kontijiet m’għandhiex taffettwa l-investiment. Madanakollu rrimarka li kull min ħaseb li s-sistema kienet se tiġi rreveduta se jkompli jiddiżappunta ruħu għax dan mhux se jseħħ.

Irrimarka li ma jimpurtahx li l-Gvern ta’ qabel kien qed jaħseb biex jimplementa din is-sistema, iżda li l-poplu Malti qed iħallas iktar milli suppost. Sostna li jekk il-Gvern iħoss li t-tariffi mhux għoljin biżżejjed, jew mhux ikopru l-ispejjeż biżżejjed, “jgħolli l-kontijiet mhux jagħmilha ta’ bir-ruħu li naqsu, imbagħad joħloq sistema ta’ kontijiet li biha tispiċċa tħallas aktar xorta waħda”.

Prof. Lauri sostna li dak li qal il-Ministru Mizzi li din tintuża wkoll bħala inċentiv biex il-poplu jnaqqas il-konsum tal-elettriku, jista’ faċilment isir bħala eco-reduction, inkella l-Gvern idaħħal penali għal min jikkonsma aktar milli suppost. Għaldaqstant spjega li diġà hemm mod ta’ kif min jaħli aktar dawl, iħallas aktar. Il-Professur tal-Matematika staqsa: “Allura meta t-tariffi naqsu b’25%, il-Gvern kien qed iħajjar lin-nies jaħlu iżjed?”