Tista’ tieħu ritratt tal-Konkatidral minn fuq

Il-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann ħabbret li kull min se jżur il-Konkatidral it-Tnejn 19 ta’ Marzu mill-5pm ‘l quddiem, se jkun jista’ jara wkoll il-gallerija interna li nfetħet għall-ewwel darba fl-istorja. Barra minn hekk id-dħul fil-Kon-Katidral se jkun bla ħlas.
Il-President tal-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann Wilfrid Buttigieg qal li mill-gallarija, tidher veduta impressjonanti tal-Konkatidral.
Preżenti wkoll kien hemm il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici li qal inizjattivi bħal dawn huma important għax jagħmlu l-kultura iktar inklussiva u aċċessibbli għal kulħadd.
Ir-rappreżentant tal-Kurja f’Malta Michael Pace Ross qal li attivitajiet bħal dawn huma mudell amministrattiv eżemplari ta’ kollaborazzjoni bejn l-Istat u l-Knisja.
Pace Ross qal li l-Arċidjoċesi qed taħdem mal-awtoritajiet biex tippromwovi turiżmu reliġjuż, u semma kif il-ftuħ tal-gallarija interna tal-konkatidral se twessa' l-esperjenza tat-turisti li jżuru dan it-tempju.  
Intant tħabbar ukoll li t-Tnejn 19 ta’ Marzu, iż-żewġ siti ta’ Heritage Malta fir-Rabat, jiġifieri d-Domus Romana u l- Katakombi ta’ San Pawl se jkunu miftuħa għall-pubbliku bla ħlas minn filgħodu sa wara nofsinhar.
Ritratt: DOI – Pierre Sammut