Tista’ tieħu l-coronavirus mill-flus?

Prof. Michael Borg, il-Kap tas-Sezzjoni tal-Prevenzjoni tal-Infezzjonijiet fl-Isptar Mater Dei qal li għalkemm wieħed jista’ jlaqqat il-coronavirus mill-flus, ir-riskju huwa baxx ħafna, “sakemm ma taqbadx karta tal-flus u żżommha f’idejk il-ħin kollu”.

Huwa spjega li dan iż-żmien għandna ħafna faċ ilitajiet bħal contactless cards, u għaldaqstant il-bżonn li nużaw il-flus naqas ħafna. Fisser li filwaqt li huwa aħjar li tevita li tmiss il-flus, meta tmisshom tajjeb li taħsel idejk bis-sapun, inkella tuża alchohol rub.

Imma kif jittieħed il-virus?

  1. jekk tkun viċin daqs metru u nofs minn xi ħadd bil-virus, li jitkellem, jagħtas jew l-agħar jekk jisgħol, u r-raxx li joħroġ minn ħalqu jew imnifsejh, jiġi fuq wiċċek
  2. Meta tisgħol, tagħtas jew titkellem, il-qtar jaqa’ fuq wiċċ l-oġġett u jista’ jibqa’ hemm sa massimu ta’ tlett ijiem. Jekk inti mbagħad tmiss dan l-oġġett, il-virus jiġi fuq idejk.Tieħu l-infezzjoni jekk tmiss wiċċek – għajnejk, ħalqek jew imnieħrek.

X’jgħidu l-professjonisti dwar l-istudju li juri li l-virus jibqa’ 3 sigħat fl-arja?

Prof. Michael Borg jispjega li kien hemm ħafna persuni nkluż ħaddiema tal-isptar li ġibdu l-attenzjoni fuq dan l-istudju li sar, li juri li l-virus jibqa’ fl-arja għal tliet sigħat. Saħaq li għalkemm huwa studju interessanti, mhuwiex relevanti għall-ħajja fil-komunità. Spjega li fl-esperiment intużat pompa qawwija ħafna biex jitfgħu l-virus fl-arja, saħħa li qatt ma jista’ jkollok ekwivalenti tagħha fil-pulmun. Għaldaqstant iċċara li l-virus jinfirex mill-arja f’ċirkostanzi speċifiċi biss: meta jkollok pazjenti vventilati fil-pulmun fl-ITU. Żied jgħid li fil-komunità u fil-maġġoranza tal-każi fl-isptar, il-pazjent l-iktar li jkollu hi maskra tal-ossiġnu ma’ wiċċu.