Tista’ tidħol f’dawn il-mużewijiet bl-irħis!

Heritage Malta se tkun qed tnaqqas il-prezz tad-dħul għall-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali kif ukoll fid-Domvs Romana. Se testendi wkoll il-ħinijiet tal-ftuħ waqt il-Festival Medjevali fl-Imdina li se jsir fi tmiem din il-ġimgħa.
Id-Domvs Romana, li tinsab eżatt barra s-swar tal-Imdina, tospita numru ta’ fdalijiet Rumani li jagħtu ħjiel tal-ħajja domestika fl-epoka Rumana. Dawk li se jżuru s-sit, se jkollhom l-opportunità jaraw l-akbar art tal-mużajk li nsibu f’Malta.
Il-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali jinsab ħdejn id-daħla tal-Imdina f’palazz tas-Seklu 18 mibni mill-Granmastru de Vilhena. Matul iż-żmien serva ta’ sptar, iżda wara xogħlijiet estensivi li saru, il-palazz iservi sabiex jiġbor u jippriserva ħlejjaq varji li b’mod partikolari nsibu f’Malta.
Iż-żewġ mużewijiet se jiftħu bejn id-9am u s-6pm, bl-aħħar dħul isir fil-5.30pm.
Nhar is-Sibt se jkunu organizzati żewġ żjajjar bi gwida fid-Domvs Romana. L-ewwel żjara fl-10.30am u t-tieni waħda fis-1.30pm. Il-biljetti jistgħu jinxtraw mis-sit ta’ Heritage Malta kif ukoll onlajn għall-prezz ta’ €10 għall-adulti, €9 għall-anzjani u studenti, u €8 għat-tfal u l-membri ta’ Heritage Malta.
Iktar tagħrif dwar l-attivitajiet organizzati minn Heritage Malta tista’ tinkiseb minn hawn.