Tista’ tibbukkja postok fuq tal-linja

Il-Malta Public Transport ħabbret li se tkun qed toffri servizz ġdid lill-klijenti tagħha. Wieħed jista’ jibbukkja post fuq waħda mill-karozzi tal-linja ġodda permezz tat-Tallinja App.

Dan is-servizz huwa proġett huwa pilota li permezz tiegħu l-passiġġieri jistgħu jagħżlu l-ħin u minn fejn u sa fejn jixtiequ jivjaġġaw. Din is-sistema awtomatikament tiċċekkja l-aqwa vjaġġ disponibbli u tipprovdi konferma lill-passiġġier bid-dettalji tal-vjaġġ tagħhom.

Il-General Manager tal-Malta Public Transport Konrad Pulè qal li ”dan huwa metodu kompletament ġdid għat-trasport pubbliku u r-rispons li rċivejna wara perjodu intensiv ta’ ittestjar fil-ġimgħat li għaddew kien inkoraġġanti ħafna.“

TD Plus tuża teknoloġija li tqabbel it-talbiet magħmula minn passiġġieri differenti u awtomatikament tagħżel l-iktar rotta effiċjenti. L-għan ta’ dan is-servizz hu li toffri iktaar effiċjenza lill-passiġġieri u jiffrankaw il-ħin.

Il-klijenti jistgħu jibbukkjaw numru ta’ passiġġieri fuq vjaġġ wieħed, u jitolbu aċċess għal siġġijiet tar-roti jew pushchairs. Din is-sistema tibgħat ukoll notifiki biex tgħarraf lill-passiġġieri li l-karozza tal-linja qiegħda fi viċin il-bus stop.

Malta Public Transport se tkun qed tiffri dan is-servizz fuq numru ta’ bus stops f’dawn il-lokalitajiet; il-Belt Valletta, il-Furjana, Il-Pietà, Blata l-Bajda, L-Imsida, San Ġwann, San Ġiljan, Is-Swieqi u Pembroke. Dan is-servizz huwa disponibbli kuljum bejn 05.30am u 10.30pm.

Kull min juża dan is-servizz matul ix-xahar ta’ Ġunju se jkun qed iħallas €2 għal kull vjaġġ għal dawk il-passiġġieri li jibbukkjaw permezz tat-Tallinja App. Il-klijenti jistgħu jagħżlu li jħallsu għall-vjaġġ tagħhom bil-kreditu fuq il-Tallinja Card tagħhom, jew jużaw il-karta tal-kreditu tagħhom.

Dan is-servizz se jkun offrut permezz ta’ sitt minibuses li se jkunu aċċessibbli għal kulħadd. Fihom se jkun hemm is-servizz tal-Wi-fi b’xejn u USB charging points għal iktar konvenjenza. Dawn il-minibuses jakkomodaw sa 16-il passiġġier.