Tista’ tgħin lil ħaddieħor fil-kalvarju tiegħu

Bħal daż-żmien forsi dak li jkun jisma’ aktar dwar tbatija u persuni li għaddejjin minn żmien mhux feliċi, biex ngħidu hekk, għaddejjin bil-kalvarju tagħhom.
Hu għalhekk li s-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm qed iħeġġeġ sabiex dak li jkun jieqaf jimmedita ftit fuq min qed ibati, u qed iħoss li f’dan iż-żmien mhux qed ifakkar biss fil-kalvarju ta’ Ġesù, iżda qed iħoss ukoll il-kalvarju tiegħu.
Dawn in-nies kultant kulma jkunu qed jistennew hu dik il-borża demm tant prezzjuża.
Tista’ tagħti d-demm fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm fi Gwardamanġa, li jiftaħ sebat ijiem fil-ġimgħġa, bejn it-8am u s-6pm, u fid-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex nhar it-Tlieta li ġejjin bejn is-1pm u l-5pm.
Il-Ħadd li ġej wieħed se jkun jista’ jagħti d-demm fil-binja mal-Knisja tas-Salib Imqaddes ta’ Ħaż-Żabbar, fiż-żona magħrufa bħala ta’ Sant’Andrija, bejn it-8.30am u s-1pm.
Huwa importanti li wieħed iġib il-karta tal-identità, il-liċenzja tas-sewqan jew passaport Malti, u possibbilment iħajjar lil ħaddieħor jagħti d-demm ukoll.